Knejjes u Kappelli
Knisja Parrokkjali tal-Konverżjoni ta’ San Pawl
Bħal ħafna rħula oħra tal-madwar, Ħal Safi kien jifforma parti mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ li llum tinsab fil-Gudja. Din kienet distanza kbira minn Ħal Safi, u għalhekk bir-raġun, ir-residenti xtaqu li jagħmlu parti miż-Żurrieq tal-inqas li kien ferm eqreb. Sfortunatament is-suġġeriment ġie miċħud minn Monsinjur Dusina li żar Ħal Safi fl-1575.
Kappella ta’ Santa Marija
Fl-1575, Monsinjur Dusina kien diġà ġabar xi informazzjoni dwar din il-Kappella. Fil-25 ta’ Novembru 1656, l-Arċisqof Belaguer iddedika l-Kappella lil Santa Marija. Iżda Ġwann Vitor imsemmi bħala Noto ressaq talba lill-Vigarju Kanonku Famucelli biex jerġa’ jiftaħ il-kappella. Konsegwentement, il-Kappillan Mattew Xiriha reġa’ ikkonsagra l-kappella fit-22 ta’ Awwissu 1683. Madwar is-sena 1764, il-kappella reġgħet inbniet bil-flus miġbura mir-residenti. Fuq in-naħa tal-lemin ta’ din il-kappella, kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lit-Twelid ta’ Santa Marija fil-25 ta’ Novembru, 1658.