Is-Salib tal-Armata Permanenti
Is-Salib tal-Armata Permanenti jinsab eżattament ħdejn l-Għassa ta’ Ħal Safi. L-Għassa tal-Pulizija tifforma parti mill-Palazz Gollcher li fih kienet tgħix il-familja Gollcher aktar minn mitt sena ilu. Dan il-monument jikkonsisti f’salib magħmul mill-ġebel imqiegħed fuq kolonna ta’ tnax-il pied magħmula minn biċċa ġebla waħda biss. Din il-kolonna tistrieħ fuq pedestall wiesa’ tliet piedi u għoli erba’ piedi. Hija mdawra bi tliet tarġiet, kull waħda wiesgħa pied u nofs u għoli pied. Ħafna nies għadhom jistaqsu kif l-antenati tagħna rnexxielhom jaqtgħuha u jibnuha mingħajr l-użu tal-magni sofistikati, li nsibu llum. Dan il-monument juri d-determinazzjoni u l-kuraġġ ta’ missirijietna.
Fil-passat, il-Gżejjer Maltin kienu kontinwament jiġu attakkati mill-Pirati. Malli jinżlu l-art, il-Pirati kienu jisirqu kull ħaġa li jsibu fi triqthom, anke nies. Kienu jieħdu magħhom diversi nisa u tfal. Konsegwentement, twaqqfet armata biex tipproteġi liċ-ċittadini Maltin u twaqqaf lill-pirati milli jinżlu. Din l-armata kienet tissejjaħ l-Armata Permanenti (Dejma). Wieħed minn dawn is-suldati kien jew joqgħod fuq it-taraġ jew joqgħod ħdejn is-salib kemm matul il-ġurnata kif ukoll matul il-lejl. Is-suldat kellu jkun attent u malli jara l-pirati fuq l-orizzont, kellu jinforma lis-suldati kollha fil-belt. Imbagħad, is-Suldati tal-Armata Permanenti kienu jinżlu fil-bajja indikata, biex iwaqqfu lill-pirati milli jinżlu.
Illum il-ġurnata, b’mod partikolari matul il-ġranet tas-Sajf, dawn it-turġien iservu bħala ‘rendez vous’ (post ta’ laqgħa) għaliex iż-żona hija dellija u l-arja friska tagħha tattira lir-Residenti ta’ Ħal Safi matul l-aktar sigħat sħan tal-ġurnata. Diversi nies speċjalment pensjonanti jinġabru hemm biex iqattgħu sigħat jirrakkontaw stejjer mill-esperjenzi tal-passat tagħhom lil xulxin.
Ġnien Kmand jew Ġnien Sir Alexander Ball
Il-faċċata tal-ġnien hija wiesgħa 12-il metru u għolja sbatax-il korsa. Tikkonsisti f’arkata li tinkorpora l-bieb u żewġ twieqi b’seba’ korsi. Sa xi snin ilu, fuq il-ħajt baxx tul il-faċċata kien hemm erba’ vażuni magħmulin mill-ġebel. Dawn insterqu matul il-lejl. Il-ġnien huwa twil kważi sitta u disgħin metru. Il-ħitan inbnew b’mod li jekk xi ħadd jipprova jitla’ minn fuq il-ħajt, jibda jaqa’ ġebel minnu. Matul l-aħħar ftit snin, waqgħu ħafna partijiet mill-ħajt. Għalkemm reġgħu nbnew ma sarux professjonalment.
Mogħdija, li tibda mill-bieb ta’ barra u twassal għat-tarf l-ieħor tal-ġnien, hija pavimentata b’ċangaturi tal-ġebel u mżejna b’kolonni fuq iż-żewġ naħat. Il-ġnien huwa maqsum fil-parti t’isfel u l-parti ta’ fuq. Il-ġebel maqtugħ mit-tħaffir tal-bir u l-ġibjun tal-ġnien intuża biex jinbnew partijiet mill-ħajt.
Għal diversi snin, il-ġnien kien proprjetà privata. Riċentement, il-Gvern għadda r-responsabbiltà tal-Ġnien lill-Kunsill Lokali li għamel ir-restawr meħtieġ u issa l-ġnien huwa miftuħ għall-pubbliku ġenerali.
